«

»

Sep 13

Id-Dikjarazzjoni ta’ Oxford dwar il-Libertà tal-Ħsieb u tal-Espressjoni

In English

Il-Kungress Dinji Umanista tal-2014, li seħħ f’Oxford mit-8 u l-11 t’ Awwissu 2014, adotta din id-dikjarazzjoni dwar il-Libertà tal-Ħsieb u tal-Espressjoni:

World Humanist Congress 2014Madwar id-dinja kollha, u f’kull ħin, huma l-libertà tal-ħsieb u tal-espressjoni li pprovdew l-iżjed kundizzjonijiet essenzjali sabiex il-bniedem jimraħ, iżda kull ġenerazzjoni trid tiffaċċja theddidet ġodda għal dawn il-libertajiet fundamentali. B'dan il-ħsieb, aħna nsostnu:

Id-dritt tal-libertà tal-ħsieb u tat-twemmin huma l-istess dritt, u għal kulħadd. Id-dritt tal-bniedem imsemmi f'Artiklu 18 tad-dikjarazzjoni universali tad-drittijiet tal-bniedem, li huwa elaborat f'diversi postijiet oħra, huwa u għandu jkun dritt wieħed, indiviżibbli, li jipproteġi d-dinjità u l-libertà tan-nies kollha billi jipproteġilhom id-dritt tat-twemminijiet tagħhom, ikunu x'ikunu dawk it-twemminijiet, reliġjużi jew le. Kif jgħid Artiklu 7 tad-dikjarazzjoni, “Kulħadd huwa ugwali quddiem il-liġi u huma intitolat mingħajr diskriminazzjoni għall-protezzjoni ugwali tal-liġi.”

Ħadd, imkien, m'għandu qatt jiġi mġiegħel jidħol jew joħroġ minn twemmin. Il-libertà tal-ħsieb timplika d-dritt li tiżviluppa, iżżomm, teżamina u timmanifesta t-twemmin mingħajr sfurzar, u li tesprimi opinjonijiet u fehmiet, kemm jekk reliġjużi kif ukoll jekk le, mingħajr biżgħa ta' sfurzar. Dan jinkludi d-dritt li tibdel il-fehmiet u li tabbanduna twemmin li wieħed kellu qabel. Liġijiet li jimponu jew jikkriminalizzaw twemmin imorru kontra d-dinjità tal-bniedem u għandhom ikunu aboliti. Kull ċittadin ta' kull stat għandu d-dritt jesiġi t-tneħħija ta' liġijiet simili, u l-istati kollha għandhom jappoġġjaw lil dawk il-persuni, jinsabu fejn jinsabu, li jistennew li l-libertajiet soċjali u l-libertà personali tagħhom ikunu milqugħa.

Id-dritt tal-libertà tal-espressjoni huwa globali fl-iskop tiegħu. Id-dritt artikolat f'Artiklu 19 tad-Dikjarazzjoni Universali tad- Drittijiet tal-Bniedem jinkludi d-dritt li “tfittex, tirċievi u tqassam informazzjoni u idejat b'kull tip ta' mezz u irrispettivament minn fruntieri”. Ebda nazzjonaliżmu parrokkjali jew insigurtà tal-istat m'għandu jwaqqaf lill-komunità dinjija tal-bniedem milli jwettqu l-wegħdiet li joffru t-teknoloġija ġdida, il-mezzi tax-xandir, il-mezzi soċjali, u l-aċċess personali għal networks transnazzjonali. L-istati għandhom jinvestu riżorsi adegwati biex jippermettu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tagħhom f'din it-taħdita globali.

Ma jeżistix dritt li ma tkunx offiż, jew li ma tismax opinjonijiet differenti. Ir-rispett lejn il-libertà tat-twemmin ma jimplikax li hemm xi dover jew ħtieġa li tirrispetta it-twemmin innifsu. L-espressjoni ta' oppożizzjoni għal kwalinkwe twemmin, inkluż f'forma ta' satira, ridikolaġni u kundanna fuq kull mezz u kull forma huwa essenzjali għal diskors kritiku, u kull xkiel eżerċitat fuq l-espressjoni għandu jkun skont Artiklu 29 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, ċioè sabiex tipproteġi d-drittijiet u libertajiet ta' ħaddieħor. L-aħjar risposta għal espressjoni ta' fehma li ma naqblux magħha hija li tirrispondiha. Il-vjolenza u ċ-ċensura qatt m'huma risposti leġittimi. Il-liġijiet kollha li jikkriminalizzaw il-lingwa fuq bażi ta' “dagħa” jew offiża lil twemmin jew valuri jimpedixxu l-libertajiet tal-bniedem u għandhom jiġu aboliti.

L-istati m'għandhomx ixekklu l-ħsieb jew espressjoni biex jipproteġu l-gvern minn kritika. L-istati li jikkriminalizzaw il-kritika tal-politika jew uffiċjali tal-gvern bħala żleali jew sedizzjuż, jew bħala theddida għas-sigurtà, mhumiex gvernijiet b'saħħithom li jaħdmu fl-aħjar interess tal-pubbliku, iżda bulijiet ċensurjużi li jeżerċitaw tirannija fl-interessi tagħhom stess. L-istati għandhom jiżguraw li, fil-liġijiet tal-pajjiż, fis-sistemi edukattivi tagħhom, u fil-kondotta tal-ħajja nazzjonali in ġenerali, li l-libertà ta' ħsieb u espressjoni huma mbuttati attivament u mfittxija għall-benefiċċju reali ta' kull membru tas-soċjetà.

Il-libertà tat-twemmin huwa assolut imma l-libertà li taġixxi fuq dak it-twemmin mhux. Bħala membri responsabbli ta' komunità aħna naċċettaw li l-libertà tagħna li naġixxu kultant irid ikun ristrett, però biss jekk l-aġir tagħna se jikkomprometti d-drittijiet u libertajiet ta' ħaddieħor. Il-libertà tat-twemmin ma tistax tiġġustifika li jiġu mwarrba l-prinċipji ta' non-diskriminazzjoni u ugwaljanza quddiem il-liġi. Dawn il-bilanċi jistgħu ikunu diffiċli biex issibhom, imma jekk wieħed jiffoka fuq il-libertà u d-dinjità tal-bniedem, aħna nemmnu li l-leġislaturi u l-ġudikatura jistgħu jilħqu dan il-bilanċ b'mod progressiv.

Aħna nsostnu l-prinċipji tad-demokrazija, drittijiet tal-bniedem, is-setgħa tal-liġi u sekulariżmu bħala l-aħjar pedament għall-iżvilupp ta' soċjetajiet iżjed miftuħa, fejn il-libertà tal-ħsieb u espressjoni jkunu protetti u promossi.

Aħna nikkommettu ruħna fix-xogħol kollu tagħna li nżommu u mmexxu id-drittijiet eżistenti tal-libertà tal-ħsieb u tal-espressjoni fi ħdan il-qafas internazzjonali ta' drittijiet tal-bniedem, u li nirreżistu restrizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali fuq id-dritt tal-persuna li taħseb għaliha nnifisha b'mod ħieles, u li tesprimi l-fehmiet tagħha mingħajr biżgħa.

Aħna nħeġġu lill-għaqdiet membri u lill-Umanisti madwar id-dinja biex iħaddnu dawn il-valuri f'ħajjithom; biex imexxu iżjed konoxxenza pubblika dwar id-drittijiet tal-libertà tal-ħsieb u tal-espressjoni fil-komunitajiet tagħhom; biex iħeġġu lill-gvernijiet tagħhom biex imexxu dawn Il-valuri; u biex jingħaqdu ma' Umanisti u ma' oħrajn globalment biex jiddefendu u javvanzawhom għall-ġid tal-bnedmin kollha.